22/04/2026
Ippermettuli ngħid kelmtejn dwar tip ta' niket jew luttu li ma nagħmlux funeral għalih. Niket li nara sikwit ix-xogħol. Uġigħ li jinħass f'mumenti partikolari… f'testijiet tat-tqala negattivi, f'kmamar vojta u f'konversazzjonijiet skomdi li n-nies ma jafux kif jagħmluhom. Huwa uġigħ li jinġarr fis-skiet, waqt li xorta trid tibqa' għaddej, titbissem, u tisma' lil min jgħidlek "irrilassa", "dik kollha ansjetà", "dik għax għandek għaxar kilos żejda", "kif ħallejtu daqshekk biex taħsbu għat-tfal?", "xi darba tiġi tajba" jew "issa jiġi dak il-mument".
Din il-ġimgħa nfakkru l-għarfien dwar l-infertilità.
Għal ħafna, it-triq lejn il-ġenitorjat mhix kif immaġinawha. Jesperjenzaw it-tama u l-qtigħ il-qalb fl-istess ħin… iġorruhom flimkien. Xi wħud qed jibku fis-skiet kull xahar li għax skoprew li ma nqabdux, oħrajn għaddew minn korrimenti tul il-vjaġġ tal-infertilità, oħrajn qed jippruvaw jifhmu infertilità li m'hemmx raġuni għaliha jew għaddejjin minn trattamenti li jħalluhom mingħajr saħħa. Hemm min jitbissem huwa u jġorr uġigħ moħbi, hemm min iħossu waħdu u mgħobbi, jew saħansitra jisma' kliem (bla empatija) li ħadd ma għandu jisma'… u xorta jibqa’ miexi.
Jekk tinsab f'dan il-mument ftakar… l-uġigħ tiegħek huwa reali, l-esperjenza tiegħek hija importanti u m'intix waħdek. Kun ġentili miegħek innifsek. Mhux kull tbatija tidher, u mhux kull tbatija tinstema'. Kultant l-aqwa ħaġa li nistgħu nagħtu lil ħaddieħor hija fehim mingħajr mistoqsijiet u appoġġ mingħajr pressjoni.
Kuraġġ mill-qalb ❤️