05/11/2025
Is-suwiċidju – intemmu s-silenzju - Dr Mark Xuereb
Settembru huwa x-xahar għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Dan irrakkont, miktub minn omm flimkien ma’ “Crisis Resolution Malta”, jagħti perspettiva ta’ omm dwar l-esperjenza ta’ bintha wara li tilfet ħabib b’suwiċidju.
Jiġu mumenti fil-ħajja meta tibqa’ bla kliem.
Bħal meta f’lejla tas-sajf, binti Christine, ta’ 17-il sena, niżlet tgħajjat, “Ma! Għadni kemm irċevejt messaġġ li Alex miet... qegħdin jgħidu li kien suwiċidju”. Bqajna nħarsu lejn xulxin, imbikkmin.
Niftakar ksaħt. “Kif, ma?”, staqsietni, bid-dmugħ nieżel ma’
ħaddejha. “Kif qatt tista’ tiġri xi ħaġa hekk?” Dak il-mument ħassejt
li quddiemi ma kellix tfajla ta’ 17-il sena, iżda tifla ta’ 7 snin, titlob lil ommha tfehemha xi ħaġa li ma setgħetx taħkimha. Il-mamà, wara
kollox, dejjem kellha t-tweġibiet kollha. Ħlief din id-darba.
Ma kellix kliem xi ngħid. Stajt biss ngħannaqha u nibki. Bkejt magħha – għaliha, għal Alex, u għal ommu. Ma kelli l-ebda idea x’kelli ngħid jew nagħmel.
“Kien tant intelliġenti, tant umli, tant qalbu tajba...”, kienet
qegħda tolfoq. “Kien l-iktar student intelliġenti fil-klassi... ried jilħaq
kirurgu, ma”, qaltli b’ton ta’ qsim il-qalb.
Mulej għinni, tlabt f’qalbi, hekk kif indunajt li kien kważi se jtiha attakk ta’ paniku. “Għidli x’nagħmel”, smajt lili nnifsi ngħidilha, hekk kif ħtaftha minn spallejha. “Ċempel lill-mentor tiegħi l-iskola”, talbitni minnufih. “Hi biss tista’ tifhimni”.
Dik kienet l-unika ħaġa li stajt nagħmel. Ċempilt l-iskola u staqsejt
għall-mentor ta’ Christine, mara sensittiva, li kienet taf lil Alex.
Wara ftit, ċemplitilna b’vuċi kalma u empatetika, u spjegatilha kif iċ-ċirkostanzi tqal ta’ Alex kienu kbar wisq għal ġuvni ta’ 16-il sena. Baqgħet titkellem magħha sakemm ikkalmat.
Il-ġimgħat ta’ wara kienu diffiċli ħafna għal Christine. Ta’ 17-il sena,
ma kinitx ippreparata għal telfa bħal dik, u ma setgħetx tifhem kif Alex, żagħżugħ b’saħħtu, għeb f’daqqa. Ħasbet li kieku qasam il-piż
tiegħu ma’ sħabu, kienu jgħinuh. Meta rritornat l-iskola f’Settembru, is-siġġu tiegħu kien vojt. Bil-mod il-mod, rabbiet rabja lejn Alla, tilfet il-fidi, saret ħosbiena u ma bdietx torqod. Għarfet kemm il ħajja hi fraġli u li t-telfa ta’ xi ħadd għażiż hi
kiefra.
Ma nistax nispjega kemm kien diffiċli għalija bħala omm li nara lil
binti għaddejja minn esperjenza bħal din. Ta’ 17-il sena, tkun trid tara lil uliedek bla ebda ħsieb fuq moħħhom, jiddevertu, jidħku. Minflok kienet imnikkta u ansjuża.
Christine kellha bżonn sena ta’ terapija u sapport biex taċċetta t-telfa ta’ Alex. Kultant kienet tħossha qegħda tirkupra, kultant terġa’ titnikket. Bil-mod, għalqet il-kapitlu. Kitbitlu poeżija li bikkiet lil kulħadd, kienet tħoss il-preżenza tiegħu, u tiftakar fih kull darba li tara farfett. F’għeluq sninu qalet: “Ħbiebu se jikbru, imma Alex se jibqa’ ta’ sittax”.
Qattajna ħafna sigħat nitkellmu bil-kwiet. Ippruvajt noħloq spazju fejn setgħet taqsam l-iktar ħsibijiet profondi. “Jien mhux biss lil Alex tlift, ma”, qaltli darba. “Tlift punt ta’ referenza importanti – tlift lil Alla ukoll”. Fuq parir tat-terapista tagħha, ħeġġiġtha taqra l-ktieb When Bad Things Happen to Good People ta’ Harold Kushner. Eventwalment, bil-mod il-mod, ħsibijietha bdew jiċċaraw u n-niket beda jinbidel f’konsolazzjoni u rassenjazzjoni.
L-aħħar ostaklu li kellha tegħleb kien it-tiswija tar-relazzjoni tagħha
ma’ Alla. Christine, dejjem spiritwali, tilfet il-fidi wara t-telfa. Ma setgħetx tmur il-knisja, kienet beżgħana u ma kinitx qegħda torqod sew. Sena wara, fil-lejla ta’ Sibt il-Għid, sabet il-kuraġġ titkellem ma’ żagħżugħ spiritwali. Fis-skiet, taha t-tama u l-barka li kienet ilha tfittex.
Kultant nistaqsi jekk Alex kienx jaf kemm kien maħbub. Nixtieq li
fetaħ qalbu, li rrealizza li ma kienx waħdu u li dejjem hemm tama. Li xi ħadd spjegalu li s-suwiċidju mhuwiex soluzzjoni, u li s-sbuħija tal-ħajja tidher meta negħlbu l-isfidi flimkien. Nixtieq li beda l-konverżazzjoni u bidel in-narrattiva.
Kultant inħoss li t-telfa ta’ Alex tirrifletti soċjetà li falliet. Nixtieq li kien jaf li s-suwiċidju mhuwiex soluzzjoni, imma jħalli biss tbatija għal min jibqa’ warajh. Nixtieq li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma kif ikunu reżiljenti, jaċċettaw fallimenti, u jieħdu ħsieb xulxin, mhux biss kif iġibu marki tajbin jew jiggradwaw kmieni. Nixtieq li jiġu mgħallma mhux biss dwar is-sapport tradizzjonali bħallmediċina u t-terapija, imma kif ukoll dwar trattamenti ġodda bħat- Transcranial Magnetic Stimulation’ (TMS), għal dawk il-mumenti meta l-approċċi konvenzjonali jistgħu ma jkunux biżżejjed. Nixtieq li jiġu mgħallma jistaqsu: “Kif int?” u dwar l-importanza li verament jisimgħu mhux biss it-tweġiba, imma wisq aktar dak li ma jintqalx.
Kemm nixtieq li, fil-mumenti l-aktar dgħajfin tiegħu, Alex ċempel lil Crisis Resolution Malta – tim ta’ esperti li jgħinu permezz ta’ konsultazzjoni bla ħlas u li jsalvaw il-ħajjiet kuljum. Nixtieq li jispiċċa t-tabù tas-suwiċidju permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel u konverżazzjonijiet miftuħa li jnaqqsu l-istigma u jsalvaw iktar ħajjiet.
Nixtieq li l-istrateġija nazzjonali tas-saħħa mentali tinkludi l-prevenzjoni tas-suwiċidju, li jkun hemm ċentru ta’ emerġenza f’Mater Dei għal min ikun fi kriżi, u li l-politiċi jieħdu azzjoni konkreta biex jindirizzaw din il-pjaga. Nixtieq li, sat-tmiem ta’ Settembru, Malta tagħmel aktar għal dawk l-aktar vulnerabbli.
F’dik il-lejla, Christine kienet bilqiegħda fil-knisja bix-xemgħa
f’idha. Rajt demgħa nieżla. "Tinkwetax, mama”, qaltli. “Dik kienet demgħa ta’ ferħ. Alex għadu jgħix fija”.
*L-ismijiet inbidlu biex jipproteġu l-privatezza.*
Jekk tinsab fi żmien ta’ kriżi jew qed tesperjenza ħsibijiet negattivi, ċempel lil 'Crisis Resolution Malta’ tel. 9933 9966 jew niżżel l-‘app’ ‘KRIZI’ b’xejn biex tkellem lil xi ħadd li jista’ jgħin.