05/11/2025
Konferenza Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni tas-Suwiċidju
Ix-xahar li għadda saret f’Malta konferenza nazzjonali dwar il-
Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Il-konferenza nfetħet b’messaġġ emozzjonali mill-influencer Grazielle Camilleri, li qasmet l-esperjenza personali tagħha dwar it-telfa ta’ ħabib tagħha.
Grazielle stqarret li l-ikbar dispjaċir kien li ħadd ma kellu idea li kien
se jagħmel dan il-pass traġiku, minkejja li l-familja tagħha kienu għenuh finanzjarjament. Bid-dmugħ f’għajnejha, appellat biex kulħadd ikun aktar attent u qrib ta’ dawk ta’ madwaru.
Dr Mark Xuereb, il-fundatur ta’ Crisis Resolution Malta sejjaħ għal minuta silenzju f’ġieħ dawk li tilfu ħajjithom bis-suwiċidju, ħolqien ta’ mument ta’ rispett u riflessjoni profonda li għaqqad lill-parteċipanti kollha.
Fid-diskors tiegħu, Dr Xuereb qal li: “ħadd qatt ma qal li l-ħajja
m’għandhiex sfidi, imma l-aktar ħaġa importanti hi li jkollna għajnejn, widnejn u qalb” – sinjal tal-importanza tal-kompassjoni u tal-empatija lejn xulxin. Huwa semma wkoll fatturi ta’ riskji ġodda li l-istudji moderni qegħdin jidentifikaw, fosthom: sens li tħossok intrappolat, disturbi emottivi, telf ta’ kontroll konjittiv, tqanqil eċċessiv u iżolament soċjali li jistgħu jindikaw stati ta’ kriżi
imminenti.
Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr Denis Vella Baldacchino,
tkellem dwar il-bżonn li l-kura mentali tibda mill-iskejjel. Huwa tenna li l-edukazzjoni u l-għajnuna bikrija huma kruċjali biex jiġu evitati kriżijiet akuti u biex jiġu megħjuna diversi individwi f’mumenti ta’ vulnerabbiltà.
Dr Xuereb enfasizza kif il-prevenzjoni tas-suwiċidju għandha tkun
proattiva u bbażata fuq evidenza xjentifika. Huwa sejjaħ ukoll għal aktar kollaborazzjoni biex inkomplu naħdmu għall-prevenzjoni tas-suwiċidju
f’Malta.
Il-Professur Seena Fazel, mill-Università ta’ Oxford, ippreżenta studju avvanzat ippubblikat fil-British Medical Journal of Mental Health dwar il-mudell OxSATS, li jbassar ir-riskju ta’ suwiċidju wara każi ta’ self-harm. Dan ilmudell, ibbażat fuq 11-il fattur ta’ riskju u data ta’ popolazzjoni wiesgħa, jgħin biex jiġi identifikat min hu l-aktar vulnerabbli.
Il-Professur Fazel huwa awtorità internazzjonali fuq il-prevenzjoni tassuwiċidju u l-mudell tal-assessjar tar-riskju propost minnu huwa ibbażat fuq l-aħħar riċerka xjentifika.
Il-Professur Fazel saħaq li dawn l-għodod moderni ta’ assessjar jistgħu jnaqqsu ħafna mwiet traġiċi billi jagħtu lit-tobba u lill-professjonisti tassaħħa mentali mod aktar preċiż u effettiv biex jidentifikaw u jintervjenu f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Apparti l-importanza ta’ assessjar aktar preċiż, il-
Professur Seena Fazel saħaq fuq l-importanza ta’ safety planning, peress li kull punteġġ ta’ riskju jimmerita attenzjoni f’waqtha. Il-parteċipanti ħadu sehem attiv fil-preżenza tal-Professur Seena Fazel fejn staqsew mistoqsijiet u qasmu t-tħassib tagħhom, fosthom dwar ir-realtà tas-self-harm fost it-tfal u l-istudenti, kif ukoll l-impatt negattiv li t-telfa ta’ sħabhom b’suwiċidju tista’ tħalli fuq il-klassi jew fuq il-grupp ta’ ħbieb.
Waqt il-konferenza ġie mħabbar ukoll illi Crisis Resolution Malta ser tkun qiegħda tagħmel aġġornament tal-KriżiApp, li ser jkun jisimha KriżiPlusV2, biex tipprovdi aktar assistenza fil-mument tal-bżonn.
Il-konferenza ntemmet fuq nota ta’ solidarjetà u tama, b’Dr Mark Xuereb ifakkar lil dawk preżenti biex jixegħlu xemgħa għal dawk li tilfu ħajjithom u biex kull konverżazzjoni u kull intervent ikun pass lejn futur fejn is-suwiċidju jsir dejjem aktar evitabbli.